Advertisement
Bla dubju ta’ xejn, l-Isqof Nikol Ġużeppi Cauchi (1929-2010), it-tmien Isqof ta’ Għawdex, kien benefattur kbir tal-gżira Għawdxija, mhux biss għax kien Ragħaj Spiritwali tad-Djoċesi ta’ Għawdex għal 38 sena sħaħ, imma għax b’ħidmietu, kitbietu u l-predikazzjoni tiegħu ppromova l-identità Għawdxija u mexxa ’l quddiem l-aspett soċjali, kulturali u reliġjuż tal-poplu Għawdxi.Għad li ġa nkiteb ħafna, l-opri pastorali u soċjali tal-Isqof Cauchi ’l quddiem għad iridu jiġu mistħarrġa fid-dettall, bit-tama li jasal ukoll il-mument li tinkiteb il-bijografija uffiċjali tiegħu.
Imma sadattant, il-Fondazzjoni Il-Ħajja f’Għawdex, fl-okkażjoni tal-15-il sena minn mewtu (li seħħet fil-15 ta’ Novembru 2010), ħasset il-ħtieġa li tfakkru permezz ta’ Konferenza – it-tieni waħda tagħha, wara li s-sena l-oħra tellgħet l-ewwel edizzjoni dwar il-Papa Benedittu XVI.
It-tema magħżula hi l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi u l-Konċilju Vatikan II, peress li malli hu laħaq Isqof fl-1967 u mbagħad eventwalment fl-1972 ħa f’idejh it-treġija sħiħa tad-Djoċesi, sab minnufih ma’ wiċċu l-isfida mhux żgħira li jirriforma l-Knisja lokali skont id-digrieti tal-Konċilju – laqgħa tal-Isqfijiet kollha mal-Papa li nżammet Ruma bejn l-1962 u l-1965.
Bl-għajnuna tal-istrutturi ġodda li ħoloq, li fihom fittex il-parteċipazzjoni mhux biss ta’ saċerdoti imma wkoll ta’ lajċi impenjati fil-Knisja, l-Isqof Cauchi rnexxielu jibda jwettaq il-viżjoni tal-Konċilju fuq livell lokali. Hekk hu għen lill-Knisja tagħmel il-qabża importanti minn dik pre-Konċiljari għal waħda b’lingwaġġ u għodod li jkellmu aħjar lill-bniedem tal-lum. Dan ma kienx proċess faċli, u l-istorja turi li l-Isqof Cauchi kellu jaffaċċja ħafna oppożizzjoni u inkomprensjonijiet minħabba dan l-‘aġġornament’ konċiljari, li hu tant ra meħtieġ u wettqu b’determinazzjoni u ħlewwa fl-istess ħin.
Il-Fondazzjoni għażlet numru ta’ kelliema – li kollha kienu midħla personalment tal-Isqof Cauchi u ħadmu bħala kollaboraturi qrib tiegħu – biex jixħtu dawl fuq id-diversi aspetti tal-ministeru tiegħu bħala Isqof bejn l-1967 u l-2005.
Barra minn hekk, fl-istess okkażjoni, hi se tniedi pubblikazzjoni li se tiġbor għall-ewwel darba għadd ta’ artikli bijografiċi dwar il-persuna u l-ħidma tiegħu, flimkien ma’ ritratti – uħud inediti – minn bosta kollezzjonijiet.
Il-Konferenza għandha bħala għan mhux biss li tagħraf il-kontribut siewi li l-Isqof Cauchi ta lill-Knisja u lill-gżira Għawdxija fuq diversi livelli, imma wkoll li ma tħallix jintesa l-wirt li hu ħalla, speċjalment meta qed jitilgħu ġenerazzjonijiet ġodda ta’ Għawdxin li ma għandhomx konoxxenza diretta tiegħu.
Bħala post għal din il-Konferenza ntgħażlet is-Sala Parrokkjali tal-Għarb, peress li dan kien raħal twelid l-Isqof Cauchi, u qribha hemm kemm il-Knisja Parrokkjali li fiha tgħammed, għad-dell tagħha trabba u bejn ħitanha ċċelebra l-Ewwel Quddiesa tiegħu, u kemm mafkar f’ġieħu mwaqqaf mill-Kunsill Lokali. Barra minn hekk, l-istess sala għandha rabta sentimentali mal-Isqof Cauchi peress li bħala żagħżugħ min jaf kemm ħadem drammi fuq il-palk ta’ dak li dari kien magħruf bħala ċ-Ċirklu tal-Azzjoni Kattolika f’dan ir-raħal… wieħed mill-ħafna interessi li kellu dan l-iben denn tal-gżira Għawdxija.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, bl-għan li ma jintilifx il-wirt prezzjuż li ħallielna l-Isqof Cauchi, il-Fondazzjoni fl-istess okkażjoni se tkun qed tniedi sejħa pubblika biex kull min għandu materjal relevanti dwaru, hu ta’ liema għamla hu, jgħaddih lill-Fondazzjoni biex jinfetaħ l-Arkivju Nikol Ġ. Cauchi.
Jekk int tixtieq tattendi, nitolbuk tirreġistra permezz ta’ din il-formola: https://forms.gle/AyK7qtyegwjmg4uc8
Advertisement
Event Venue & Nearby Stays
Sala taċ-Ċentru Parrokkjali tal-Għarb, 90 Pjazzetta l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, Għarb, GRB, Malta, Victoria
Tickets
Concerts, fests, parties, meetups - all the happenings, one place.






