Advertisement
Ir-rakkonti ta' Juann Mamo ma joffrux lill-qarrejja żvilupp fil-qagħda tal-karattri tiegħu. Minflok jagħmlu dan, jippreżentaw teatralità satirika li tħalli lill-parti l-kbira tal-karattri fl-istess stat li telqu minnu. Il-qarrejja jħossuhom bħallikieku qegħdin jattendu għal spettaklu burlesk li fih l-espressjonijiet ta' stagħġib, l-għajjat ta' uġigħ jew ta' pjaċir, l-interruzzjonijiet melodrammatiċi u superstizzjużi, u d-diversi forom oħra ta' storbju maħluqin mill-karattri jwaqqfu l-progress tar-rakkont biex, minfloku, jirreċtaw b'mod dirett il-ħsejjes ta' bnedmin Maltin li skont Mamo huma kampjuni ta' injoranza. Min jaf kif inqisu l-qari ta' rakkonti li jagħtu prominenza lill-ħoss irreċtat aktar milli lill-qari passiv? Is-serata se toffri dan ir-reċtar storbjuż lil min jattendi, flimkien ma' siltiet ta' kritika li jispjegaw kif tkun qed tinbena l-eċċessività fil-mutetti, fil-ħsejjes, u fil-manjieri vulgari inġenerali tal-karatti, u kultant tan-narratur innifsu, ta' Mamo.
Ingħaqad magħna biex tisma' dawk il-partijiet tar-rakkonti ta' Mamo li fil-fatt ma jinqrawx bħala ġrajja daqskemm jingħataw bħala spettaklu ta' ġesti u ħsejjes esaġerati.
Din is-serata qed tittella’ bi sħab mad-Dipartiment tal-Malti, Università ta’ Malta, u l-Għaqda tal-Malti Università, b’interventi minn Prof Bernard Micallef, u qari animat minn Bradley Cachia u Kristina Catania.
Advertisement
Event Venue & Nearby Stays
Knisja tal-Gizwiti, Triq il-Merkanti, Valletta, Malta